Inkuraġġuti ħafna mir-rikonoxximent li kisbet l-ewwel serje animata Karamellu tar-Raħal t’Isfel, li rebħet il
Premju Proprjetà Intellettwali għall-Inizjattiva Kreattiva għas-sena 2025 li ingħata mid-Dipartiment tal
Kummerċ, kif ukoll mill-popolarità li s-serje qed tgawdi fost it-telespettaturi, Nannu Karm Productions u
Toontuloon Animation Studio qed iniedu t-tieni serje ta’ għaxar episodji.
Is-serje animata l-ġdida tkompli tieħu lit-telespettaturi fuq vjaġġ nostalġiku lejn il-ħajja Maltija tas-snin
Ħamsin (1950-1959), billi tagħti ħajja lill-memorji mill-iktar ħelwin ta’ tifel żgħir jismu Karamellu.
Miktuba minn Charles Buttigieg (In-Nannu Karm), is-serje hija mnebbħa minn esperjenzi li kellu l-awtur fi
tfulitu, fi żmien meta kien għadu possibbli li t-tfal joħorġu jilagħbu fit-toroq għax karozzi kien hawn ftit.
“Karamellu bħala tali ma kienx jeżisti,” qal is-Sur Buttigieg.
“Huwa isem li ivvintajt jien. Biss bħala tifel Karamellu jirrappreżenta lili; dak li għaddejt minnu u ltqajt miegħu jien fis-snin ta’ żmien l-iskola primarja. Semmejtu Karamellu tar-Raħal t’Isfel għax jien twelidt iż-Żejtun, li għandu żewġ partijiet – ir-Raħal ta’ Fuq u r-Raħal t’Isfel, bil-knisja parrokkjali fin-nofs. L-istejjer ta’ Karamellu spiss huma ispirati minn esperjenzi personali jew esperjenzi ma’ nies li jien kont midħla tagħhom fi tfuliti. Bnejt fuq il-karattru tagħhom, kif kont nafu u napprezzah jien.”
Is-serje l-ġdida, li tkompli tiċċelebra temi universali tal-familja, il-ħbiberija, u l-esperjenzi tat-tfulija, li
jgħixuhom in-nies ta’ kull età, se tibda tixxandar nhar it-Tnejn 8 ta’ Ġunju fil-16:45 fuq ONE, b’ripetizzjonijiet matul il-ġimgħa.
B’animazzjoni bis-saħħa ta’ teknika mill-iżjed moderna, l-istejjer huma maħsubin ukoll biex ikomplu jferrħu lit-tfal u jnisslu spirtu nostalġiku fost il-kbar.
Il-proġett huwa mgħejjun mill-Kunsill Malti għall-Arti u sponsorjat miċ-Ċentru tal-Ilsien Malti (ĊIM), Melita Foundation, Strand Palace Agencies (Sizzzlers & Twistees), Erremme Business Advisors, Country Terrace Restaurant (Gozo), Tristar Travel, Book Distributors Ltd (BDL), u District 5 Restaurant (Birżebbuġa).
Tagħrif addizzjonali:
- Titlu tas-Serje: Karamellu tar-Raħal t’Isfel
- Studio: Nannu Karm Productions u Toontuloon Animation Studio
- Data tat-Tnedija: It-Tnejn 8 ta’ Ġunju fil-16:45 fuq ONE
- Ripetizzjonijiet: Jixxandru episodji matul il-ġimgħa
Tista’ ssegwi l-vjaġġ ta’ Karamellu tar-Raħal t’Isfel fuq: - Facebook: Karamellu tar-Raħal f’isfel Facebook
- Sit Elettroniku: nannukarm.org
Dwar mistoqsijiet tal-media, intervisti, jew aktar tagħrif, jekk jogħġbok ikkuntattja:
production@nannukarm.org
Facebook/ Karamellu tar-Raħal t’Isfel