Wirja Eċċellenti Miż-Żgħażagħ Maltin Fil-Kampjonati Reġjonali Taljani Senior Tal-Weightlifting

Weightlifters

Żewġ atleti juniors ikkompetew fil-Kampjonati Reġjonali Taljani Senior tal-Weightlifting f’Caltanissetta, Sqallija fil-weekend li għadda, b’riżultati inkoraġġanti miż-żewġt atleti.

Minkejja li huma juniors, iż-żewġ atleti Maltin irnexxielhom jiksbu post fuq il-podju.



Fil-kategorija tal-65kg, Luke Stefan Micallef ta’ 19-il sena spiċċa fit-tieni post minn tnax-il atleta, b’Snatch ta’ 96kg u Clean & Jerk ta’ 124kg.



Bil-Clean & Jerk tiegħu  stabbilixxa rekords ġodda Maltin fil-kategorija, kemm fil-livell Junior kif ukoll Senior — kisba notevoli għal atleta li għadu fil-bidu tal-karriera tiegħu fil-weightlifting.



Fil-kategorija tal-85kg, Nathaniel Fenech ta’ 18-il sena temm fuq il-podju fit-tielet post, bi Snatch ta’ 105kg u Clean & Jerk ta’ 134kg — prestazzjoni b’saħħitha minn reffiegħ żagħżugħ ieħor promettenti.

Il-parteċipazzjoni f’din il-kompetizzjoni saret possibbli permezz tar-relazzjoni eċċellenti bejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Weightlifting u l-FIPE, li offriet liż-żewġ atleti opportunita’ tajba  biex jiksbu esperjenza internazzjonali u jittestjaw lilhom infushom kontra xi wħud mill-aħjar lifters fl-Italja.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Weightlifting tixtieq ukoll tirringrazzja lil SportMalta u lill-Kumitat Olimpiku Malti għall-appoġġ kontinwu tagħhom, mingħajru opportunitajiet bħal dawn ma jkunux possibbli.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI