Il-kantant Malti Glen Vella illum qed jiċċelebra għeluq sninu, u fost il-ħafna messaġġi sbieħ li rċieva fuq il-midja soċjali, wieħed li mess il-qlub kien dak miktub minn ommu.
Fuq Facebook, omm Glen kitbet messaġġ sempliċi iżda mimli mħabba fejn qalet, “Glen, illum huwa jum għeluq sninek, nawguralek imħabba, ferħ u fuq kollox saħħa. Alla jberikek dejjem. Inħobbok ħafna.”
Il-messaġġ malajr ġibed l-attenzjoni tas-segwaċi tiegħu, b’ħafna persuni jingħaqdu biex jawgurawlu f’dan il-jum speċjali. Mhux l-ewwel darba li Glen juri kemm għandu relazzjoni qrib u sabiħa mal-familja tiegħu, u dan il-messaġġ kompla juri l-għożża li hemm bejn omm u iben.
Tul is-snin, Glen Vella baqa’ wieħed mill-aktar kantanti popolari fix-xena lokali, magħruf mhux biss għall-mużika tiegħu iżda wkoll għall-personalità pożittiva u umli tiegħu.
Minn naħa tagħna, nawgurawlu sena mimlija saħħa, ferħ u suċċessi oħra kemm fil-karriera kif ukoll fil-ħajja personali tiegħu.
Facebook / Glen Vella