Wara ġimgħat ta’ inċertezza u emozzjonijiet imħallta, Carmen’s Bar ħabbar li se jkun qed jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu din id-darba f’post ġdid.
F’messaġġ li qasmu mas-segwaċi tagħhom, it-tim spjega kif xi wħud jafu kellhom jagħlqu temporanjament wara l-ħsarat kbar li ġabet magħha l-maltempata Harry. Huma ddeskrivew dak il-mument bħala wieħed ta’ qtigħ il-qalb, iżda saħqu li dan mhux it-tmiem tal-istorja tagħhom.
“Huwa tassew ta’ niket, iżda mhuwiex it-tmiem tal-istorja tagħna,” kitbu, waqt li rringrazzjaw lil kulħadd tal-appoġġ u l-messaġġi ta’ kuraġġ li rċevew matul dan iż-żmien diffiċli.
Filwaqt li għadhom qed jesploraw il-possibbiltajiet kollha relatati mal-post oriġinali tagħhom, il-ħidma ma waqfitx. Fil-fatt, wara l-kwinti, it-tim kien qed jaħdem fuq kapitlu ġdid li issa jinsab lest biex jitħabbar, Carmen’s Bar dalwaqt se jerġa’ jiftaħ f’post ġdid.
Il-komunità dejjem kienet fil-qalba tal-identità ta’ dan il-bar popolari, u dan ġie enfasizzat b’mod ċar fil-messaġġ tagħhom. “Din il-komunità dejjem fissret kollox għalina. Il-messaġġi tagħkom, l-appoġġ u s-sabar tagħkom fissru aktar milli taħsbu,” sostnew.
B’wegħda li jirritornaw “ikbar, aktar b’saħħithom, u bl-istess qalb li dejjem ħabbejtu”, Carmen’s Bar qed iħejji ruħu biex jerġa’ jilqa’ lill-klijenti tiegħu f’ambjent ġdid iżda bl-istess spirtu familjari li għamilu suċċess.
Aktar dettalji mistennija jitħabbru fil-jiem li ġejjin, hekk kif it-tim iħeġġeġ lis-segwaċi biex jibqgħu attenti għal aġġornamenti eċċitanti.
Facebook / Carmen’s Bar