L-artist Malti Janvil ħabbar il-mewt ta’ missieru permezz ta’ messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali ilb ilbieraħ filgħaxija fejn qasam il-weġgħa kbira li qed jgħaddi minnha wara t-telfa tal-“eroj” tiegħu.
“B’qalbi maqsuma, inħabbar il-mewt tal-għażiż missieri llum fis-16:47,” kiteb Janvil, hekk kif irrakkonta kif ftit sigħat biss qabel kienu għadhom qed iqattgħu ħin sabiħ flimkien bħala familja. Huwa spjega kif dik il-ġurnata bdiet b’mumenti ta’ ferħ u mħabba, fejn kielu l-ikel favorit ta’ missieru, xorbu l-inbid favorit tiegħu, kielu ġelat flimkien u saħansitra temmew il-laqgħa tagħhom bil-Frangelico li tant kien iħobb.
“Daqshekk hi l-ħajja… sabiħa immens iżda fl-istess ħin fraġli ħafna,” qal Janvil, hekk kif stqarr li qatt ma kien jobsor li ftit ħin wara kien se jirċievi “l-aktar telefonata tal-biża’” ta’ ħajtu.
Fil-messaġġ tiegħu, Janvil tkellem ukoll dwar il-fidi qawwija li kellu missieru lejn Alla u lejn il-Madonna. Huwa qal li missieru kien “aktar preparat minna lkoll għal dan il-mument,” u semma wkoll kemm kellu rabta spiritwali profonda ma’ Frenc tal-Għarb.
“Kien il-blata tal-familja tagħna. Raġel li ħabb b’qalbu kollha u li dejjem ta mingħajr qatt ma stenna xejn lura,” kiteb Janvil dwar missieru. L-artist stqarr li se jibqa’ jiftakar fil-gwida, il-ħlewwa u t-tgħanniq ta’ missieru, kif ukoll fil-mod kif dejjem kien jaf x’għandu jgħid meta l-ħajja ssir diffiċli.
“Meta kont inħossni dgħajjef jew mitluf, hu dejjem kien hemm biex ifakkarni nibqa’ għaddej,” qal Janvil b’emozzjoni kbira. Huwa ħabbar ukoll li quddiesa għall-ħajja ta’ missieru se ssir il-Ġimgħa fis-14:00 fil-Knisja taż-Żebbiegħ, l-Imġarr, għal dawk kollha li jixtiequ jingħaqdu mal-familja biex jagħtuh l-aħħar tislima.
Fl-aħħar kliem tiegħu, Janvil sellem lil missieru b’messaġġ mimli mħabba u gratitudni, “Grazzi ta’ kollox, Papà… grazzi tal-imħabba bla qies tiegħek. Sakemm nerġgħu niltaqgħu. Strieħ fis-sliem, eroj tiegħi.”
Facebook / Janvil