Il-produzzjoni Maltija Boċċi Il-Musical se tkun qed tirritorna matul ix-xahar ta’ Ġunju għal numru limitat ta’ wirjiet wara s-suċċess li kisbet is-sena li għaddiet.
Il-musical, li kien ittella’ f’diversi każini tal-boċċi madwar Malta matul is-sajf li għadda, issa se jkun qed jittella’ ġewwa Montekristo Estate bejn it-18 u l-21 ta’ Ġunju, filwaqt li l-biljetti diġà ħarġu għall-bejgħ.
L-istorja ddur madwar każin tal-boċċi li jinsab għaddej minn żmien diffiċli hekk kif qed jaffaċċja żewġ sfidi kbar fl-istess waqt.
Jgħaddu minn inkwiet fosthom li l-plejer Osmar il-Kanadiż, jispiċċa jweġġa’ l-polz ta’ jdejh. Apparti minn hekk proġett ta’ żvilupp qed jhedded li jitneħħa kompletament il-pitch tal-boċċi tagħhom.
Il-produzzjoni mistennija terġa’ toffri taħlita ta’ kummiedja, emozzjoni u realtà Maltija li tant laqtet lill-udjenzi fl-ewwel edizzjoni tagħha.
Il-musical huwa miktub minn Malcolm Galea, li jikko-diriġih flimkien ma’ Philip Leone-Ganado, filwaqt li Matthew James ikkompona l-mużika.
