“Kull Bidu, Fih It-Tmiem” – Aaron Zahra Jtemm Il-Ħidma Tiegħu F’Kastilja

Aaron Zahra ħabbar li temm il-ħidma tiegħu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru wara snin iservi bħala Kap tal-Attivitajiet tal-Gvern f'Kastilja. F'post emozzjonanti fuq il-midja soċjali, Zahra ddeskriva dan il-kapitlu bħala wieħed mimli esperjenzi, sfidi u mumenti li qal se jibqa' jgħożż għal dejjem, filwaqt li ammetta li d-deċiżjoni ma kinitx waħda faċli.

"Kull bidu, fih it-tmiem. Wara snin ta’ esperjenzi, sfidi u mumenti li se nibqa’ ngħożż, illum intemm il-ħidma tiegħi f’Kastilja," kiteb. Huwa spjega li matul is-snin tiegħu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien responsabbli mill-organizzazzjoni tal-attivitajiet kollha li fihom kien jipparteċipa l-Prim Ministru, filwaqt li akkumpanjah f'avvenimenti madwar Malta u kellu l-opportunità jsegwi mill-qrib il-ħidma tiegħu man-nies.

Zahra fakkar ukoll li kien wieħed minn dawk li ħadmu mill-qrib biex fl-2020 Dr Robert Abela jsir Mexxej tal-Partit Laburista u eventwalment Prim Ministru. Wara dik ir-rebħa, ingħata l-fiduċja li jokkupa l-kariga ta' Kap tal-Attivitajiet tal-Gvern.

Fost il-mumenti li semma b'kburija kien hemm iż-żjara tal-Papa Franġisku f'Malta fl-2022, summit internazzjonali li laqqa' f'Malta għaxar Presidenti u Prim Ministri fl-2023, il-ħatra tal-President tar-Repubblika, iż-żewġ ħatriet tal-Prim Ministru u diversi anniversarji ta' festi nazzjonali. Huwa qal ukoll li kien parti minn tliet rebħiet elettorali importanti, fosthom iż-żewġ Elezzjonijiet Ġenerali u l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2024.



Fil-messaġġ tiegħu, Zahra enfasizza li dejjem ta importanza kbira lill-kontabilità u t-trasparenza fil-mod kif tmexxiet il-ħidma tiegħu, filwaqt li assigura li l-flus pubbliċi dejjem intużaw b'mod responsabbli. Madankollu, ammetta li x-xogħol kien jinvolvi sagrifiċċji kbar, b'mod partikolari l-ħin li qatta' 'l bogħod mill-familja tiegħu.

Fi tmiem il-messaġġ, huwa rringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela, lil martu Lydia u lill-familja tagħhom tal-fiduċja li poġġew fih matul dawn is-snin, kif ukoll lil kull min apprezza x-xogħol tiegħu. "Idejja fuq qalbi, kuntent u kburi bix-xogħol li wettaqt... Kburi b’dak kollu li għamilt. Minn qalbi, grazzi," temm jgħid, filwaqt li sostna li issa jħares 'il quddiem b'ottimiżmu lejn opportunitajiet ġodda.

Ritratti:

Facebook / Aaron Zahra

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI