The Voice Kids Malta Jirritorna Għat-Tielet Staġun – Ir-Rebbieħ Se Jirrappreżenta Lil Malta Fil-Junior Eurovision 2026

The Voice Kids Malta se jkun qed jirritorna għat-tielet staġun tagħha, u għat-tieni sena konsekuttiva l-kompetizzjoni se jkollha premju tassew speċjali. Ir-rebbieħ se jingħata l-opportunità li jirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest 2026, li se jsir proprju f’pajjiżna.

Il-programm, parti mill-franchise internazzjonali The Voice, jagħti spazju lil kantanti żgħar ta’ bejn id-9 u l-14-il sena biex juru t-talent tagħhom u jaħdmu mill-qrib ma’ wħud mill-aktar personalitajiet magħrufa fix-xena mużikali.

Il-vjaġġ jibda bil-Blind Auditions, fejn il-Coaches jisimgħu lill-parteċipanti mingħajr ma jarawhom. Jekk jogħġobhom dak li jisimgħu, jagħfsu l-buttuna u jduru biex juru li jixtiequ lill-kantant fit-tim tagħhom. Meta jduru aktar minn Coach wieħed, ikun il-parteċipant stess li jagħżel ma’ min jixtieq ikompli l-avventura tiegħu.

Wara jkun imiss il-Battle Rounds, fejn kantanti mill-istess tim jikkompetu kontra xulxin u l-Coach ikollu jieħu d-deċiżjoni dwar min se jkompli fil-kompetizzjoni. Minn hemm jintgħażlu dawk li se jaslu sas-Serata Finali u jiġġieldu għar-rebħa.

Din is-sena l-finali se tkun aktar importanti minn qatt qabel, hekk kif min jirbaħ mhux biss se jkun inkurunat rebbieħ tat-tielet staġun ta’ The Voice Kids Malta, iżda se jkollu wkoll l-unur li jtella’ l-bandiera Maltija fuq il-palk tal-Junior Eurovision Song Contest 2026 quddiem udjenza internazzjonali.

Malta se tospita l-Junior Eurovision din is-sena, allura t-tielet staġun ta’ The Voice Kids Malta mistenni jkun wieħed mill-aktar eċċitanti s’issa, hekk kif tibda t-tfittxija għaż-żagħżugħ jew żagħżugħa li se jirrappreżenta lil pajjiżna.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI