Wara li wasal fi tmiemu staġun ieħor ta’ The Voice Kids Malta, Destiny ħarset lura lejn vjaġġ li għaliha ma kienx sempliċement dwar il-kompetizzjoni, iżda dwar it-tfal, it-tkabbir tagħhom u l-memorji li ħolqu flimkien.
Fi kliemha stess, dan kien “vjaġġ” mimli b’kull emozzjoni possibbli; minn sfidi għal ferħ u mumenti li, minkejja d-diffikultajiet tagħhom, kollha jiswew.
Din is-sena għal darb'oħra Destiny ngħatat l-opportunità li tokkupa s-siġġu ta’ kowċ, rwol li jidher li ħaditu b’serjetà u onoratu b’qalbha kollha. Lil hinn mill-prestazzjoni fuq il-palk, hija setgħet tkun vuċi ta’ kuraġġ, tama u għarfien għal għadd ta’ artisti żgħar li għażluha biex tiggwidahom f’dan il-vjaġġ.
Fil-messaġġ tagħha, Destiny bdiet billi ferħet lil Beppe Caruana għar-rebħa tiegħu, li issa se twasslu biex jirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision. Hija kellha wkoll kliem ta’ tifħir għal Gaia Cauchi u Aleandro, li bħala kowċ ukoll għamlu biċċa xogħol mill-aqwa.
Destiny rringrazzjat lil kull min kien magħha tul dan il-vjaġġ għall-appoġġ, id-dedikazzjoni, l-imħabba u l-fiduċja.
Destiny saħqet kemm hi kburija b’kull wieħed u waħda minn Team Destiny. Għaliha, dan il-vjaġġ qatt ma kien biss dwar min jirbaħ. Kien dwar it-tkabbir, it-tagħlim, il-kuraġġ u l-ħolqien ta’ memorji li t-tfal se jġorru magħhom għal dejjem.