‘Blue Bird’ – Għada Se Tisimgħu Il-Kanzunetta Ta’ Malta Għall-Junior Eurovision 2026

Beppe

It-titlu tal-kanzunetta li Beppe se jkun qed jirrappreżenta lil Malta biha fil-Junior Eurovision Song Contest 2026 ġie żvelat bħala Blue Bird.

Il-kanzunetta, interpretata minn Beppe ta’ 11-il sena, se toħroġ għada, il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru, fuq il-pjattaformi ewlenin kollha tal-istreaming, filwaqt li l-video mużikali uffiċjali se joħroġ fil-17:00.

Il-kompożituri ta’ Blue Bird huma Matt Blxck, Matthew James u Muxu, filwaqt li l-awturi huma Matt Blxck, Matthew James, Muxu u Beppe.

Fil-proċess tal-kitba tal-kanzunetta, Beppe ħadem flimkien mat-tim fil-ħolqien tal-kanzunetta li se tirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest ta’ din is-sena.

Beppe tħabbar bħala r-rappreżentant ta’ Malta għall-Junior Eurovision wara r-rebħa riċenti tiegħu f’The Voice Kids Malta.

Il-kantant ta’ 11-il sena minn Ħaż-Żabbar ilu jkanta minn età żgħira, wara li beda jieħu l-lezzjonijiet tal-kant meta kellu biss erba’ snin.

Matul is-snin, huwa ħa sehem f’diversi produzzjonijiet u kompetizzjonijiet mużikali, fosthom Malta’s Got Talent bħala parti minn La Voix Harmonies, kif ukoll il-festival Taljan magħruf għat-tfal Zecchino d’Oro.

Il-Junior Eurovision Song Contest 2026 se jsir f’Malta fl-24 ta’ Ottubru fl-MFCC, Ta’ Qali. L-ordni li biha Malta u l-pajjiżi parteċipanti l-oħra se jkantaw matul is-serata mistennija titħabbar il-ġimgħa d-dieħla.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI