Robert Aloisio qajjem mistoqsija interessanti fuq il-midja soċjali dwar il-produzzjonijiet lokali u jekk wasalx iż-żmien li Malta tinvesti f’films dwar personaġġi storiċi u reliġjużi Maltin. Fil-kitba tiegħu, Aloisio rrefera għall-film dwar Carlo Acutis li xxandar dan l-aħħar fuq it-televiżjoni Taljana, produzzjoni li impressjonatu kemm mil-lat tekniku kif ukoll għall-mod kif wasslet l-istorja taż-żagħżugħ Taljan għand udjenza kbira.
“Tista’ tgħid kollox fuq it-Taljani imma fejn tidħol il-kwalità tal-produzzjonijiet televiżivi warrbilhom,” kiteb Aloisio. Huwa esprima wkoll ix-xewqa li produzzjonijiet bħal din ikunu disponibbli bl-Ingliż sabiex ikunu jistgħu jitgawdew aktar mit-tfal Maltin, li llum mhux neċessarjament jifhmu t-Taljan daqs ġenerazzjonijiet preċedenti.
Minn hemm, Aloisio dawwar ħarstu lejn Malta u staqsa, “U aħna l-Maltin meta se nibdew nipproduċu films bis-sens, b’valuri tajba, fuq personaġġi tagħna?” Filwaqt li qal li ma jsegwix is-sensiliet lokali u għalhekk ma xtaqx jiġġudika l-kontenut tagħhom, semma li skont dak li jgħidulu, il-livell tekniku tal-produzzjonijiet Maltin tjieb ħafna matul is-snin.
Aloisio jemmen li Malta għandha bosta personaġġi li l-istejjer tagħhom jistgħu jiġu rrakkontati permezz ta’ film jew sensiela. Fost dawk li semma hemm San Ġorġ Preca u Gilbert Simiana. “Jalla xi ħadd kuraġġuż jinvesti f’xi film tajjeb dwar Dun Ġorġ Preca... dwar Gilbert Simiana... u tant oħrajn. Żgur jarawhom ħafna,” kiteb.
Skont Aloisio, hemm “għatx għal xi ħaġa bis-sens”, u jemmen li l-interess fil-produzzjoni dwar Carlo Acutis juri li stejjer mibnija madwar il-fidi, il-valuri u personaġġi li ħallew impatt jistgħu jsibu udjenza. Hu temm il-kitba tiegħu b’nota ħelwa, “Tkunu tridu niktbilkom xi skript għiduli fil-każ.”
Intom taqblu ma’ Robert Aloisio? Liema personaġġ Malti tixtiequ taraw l-istorja tiegħu tinbidel f’film?
Facebook / Maryanne Thake