Dylan Portelli qasam appell ġenwin fuq il-midja soċjali biex iwissi lis-sewwieqa dwar periklu li jista’ jinqala’ hekk kif it-temperaturi jibdew jinżlu u l-qtates ifittxu postijiet sħan fejn jistkennu. Huwa spjega li din mhijiex l-ewwel darba li ġratlu sitwazzjoni bħal din, iżda llum reġa’ sab ruħu f’ċirkostanza simili meta, wara li kien ilu jsuq għal madwar kwarta, beda jisma’ l-għajjat ta’ qattus ġej mill-karozza tiegħu.
"Tlaqt bil-karozza, biha madwar kwarta triq, u nisma’ l-għajjat ta’ qattus. Mort niftaħ il-bonit u nsib dan iċ-ċkejken ingaljat ġol-karozza tiegħi," irrakkonta Dylan. Huwa spjega li hekk kif it-temp jibda jiksaħ, il-qtates għandhom it-tendenza jfittxu s-sħana, u l-magna ta’ karozza tista’ tkun post li jiġbidhom, partikolarment meta tkun għadha sħuna.
Fortunatament, Dylan irnexxielu jsalva lill-qattus ċkejken, żammu għandu għal xi żmien u saħansitra sablu dar ġdida! "Irnexxieli naqbdu, żammejtu ftit għandi u rnexxieli nsiblu dar ukoll," kiteb Dylan, filwaqt li b’ċajta żied li dawn il-ħlejjaq donnhom jafu għand min għandhom imorru.
Permezz tal-esperjenza tiegħu, Dylan qed iħeġġeġ lis-sewwieqa biex joqogħdu attenti u jiċċekkjaw il-karozzi tagħhom qabel isuqu, speċjalment matul ix-xhur aktar friski. Ġest żgħir, bħal li tagħti daqqa ħafifa fuq il-bonit u tiċċekkja jekk hemmx xi annimal jistkenn madwar il-karozza, jista’ jagħmel differenza kbira u jsalva ħajja.
Prosit lil Dylan talli mhux biss salva lil dan il-qattus ċkejken, iżda wkoll sablu familja li se tieħu ħsiebu!
Facebook / Dylan Portelli