Mit-23 ta’ Diċembru, l-MADC terġa’ lura fit-Teatru Salesjan b’Hercules – The Panto, pantomima tal-Milied ta’ proporzjonijiet Olimpiċi, maħsuba għall-familja kollha u miktuba minn Alan Montanaro.
L-istorja tieħu spunt mill-mitoloġija Griega, iżda mbagħad terħi r-riedni kompletament f’idejn il-pantomima! Hades fassal pjan mill-aktar makakk biex jaħtaf il-kontroll tal-kożmos, u Hercules u l-eroj sħabu biss jistgħu jwaqqfuh. F’dan il-konfront bejn it-tajjeb u l-ħażin, ma jonqsux il-mostri li jridu jiġu affrontati, melodiji mill-aqwa, kostumi spettakolari u daħq kemm trid – u Dama stravaganti li ssibha dejjem viċin il-ġenn u l-kaos.

Alan Montanaro se jaħdem il-parti ta’ Hades, b’Noel Zarb bħala d-Dama, Gianluca Cilia bħala Hercules u Francesca Briffa bħala Cupid. Il-kast prinċipali jingħaqad permezz ta’ Elisa Andrea Muscat, Bertha Farrugia, Jalen Manicolo, Alan Azzopardi, Rambert Attard u Kyra Lautier, bis-sapport ta’ ensemble mill-aqwa.
Id-direzzjoni hi f’idejn Steve Casaletto, filwaqt li Montanaro ħa ħsieb ukoll id-disinn tal-kostumi apparti l-kitba u r-reċtar. Ryan Paul Abela huwa d-direttur mużikali, Simon Abela ħa ħsieb id-disinn tax-xenarju, Andrew Camenzuli ħejja l-koreografija, u Cathy Lawlor tmexxi t-taħriġ vokali.

“Hercules – The Panto għandha l-elementi kollha ta’ pantomima tajba: eroj lil min iċċapċap, ħżiena lil min tibbuwja, u Dama li toħloq kjass kull fejn tmur,” qal id-direttur Steve Casaletto. “Hemm xi ħaġa għall-bnedmin mortali ta’ kull età – it-tfal se jiġġennu warajha, u l-kbar mhux wisq inqas!”
Hercules – The Panto, li se tkun qed tittella’ fit-Teatru Salesjan bejn it-23 ta’ Diċembru u l-4 ta’ Jannar, hija wkoll parti minn tragward importanti għall-MADC. Għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, l-aktar kumpanija teatrali li ilha stabbilita f’Malta se tkun qed ittella’ żewġ pantomimi fl-istess żmien. Dan qed iseħħ proprju din is-sena, hekk kif Peter Pan se tkun qed tittella’ fit-Teatru Manoel mit-22 ta’ Diċembru sal-5 ta’ Jannar, filwaqt li Hercules – The Panto se tkun qed tieħu l-ħajja f’Tas-Sliema. Dan isarraf fid-doppju tal-gost, id-doppju tal-briju u d-doppju tal-għajjat ta’ “he’s behind you!” għall-familji f’dan il-Milied, b’żewġ pantomimi spettakolari minn fejn tagħżel – u b’dati biżżejjed biex tkun tista’ tgawdihom it-tnejn li huma.

Il-pantomima Hercules – The Panto tal-MADC se tittella’ fit-Teatru Salesjan, Tas-Sliema, mit-23 ta’ Diċembru 2026 sal-4 ta’ Jannar 2027, b’rappreżentazzjonijiet kemm waranofsinhar kif ukoll filgħaxija. L-ispettaklu jkun bl-Ingliż u huwa addattat għal spettaturi minn tliet snin ’il fuq, b’biljetti bi prezz imraħħas għat-tfal ta’ bejn it-tliet snin u l-11-il sena. Biljetti għall-parkeġġ fil-ground ta’ St Patrick’s disponibbli wkoll. Din il-produzzjoni qed tkun appoġġjata minn Dee Spas Wellness, Elia Caterers, Welbee’s Supermarket, Brown’s u La Maison Française. Il-booking huwa miftuħ minn madc.com.mt.