Fuq il-programm TVAM, preżentat minn Dorianne Mamo, tkellmet dwar ħajjitha Angela, mara li tant għamlet ġid biex persuni mingħajr saqaf, ikollhom fejn jorqdu. Angela ssemmi meta ltaqgħet mar-raġel tagħha fi żmien meta kienet f’sitwazzjoni iebsa.
Dan ir-raġel, li llum il-ġurnata huwa żewġha, kien għenha billi anke jixtrilha l-affarijiet għat-tfal meta ma setgħetx hi. “Wara xi xahar qalli, ‘trid niżżewġu?’ Għidtlu, ‘Ma nistax niżżewweġ għalissa għax għaddejja b’separazzjoni u annullament.’ Qalli, ‘tibżax, nistenna. Xtrali flat fejn noqgħod, u beda jħallas.”
Tgħid li ma kienx imur għandha qabel iżżewġu biex iżomm mal-prinċipju tiegħu. F’Ottubru għalqu 25 sena miżżewġin, u minkejja li kellu reliġjon differenti, kien jingħaqad magħhom f’kull okkażjoni familjari, anke ġol-Knisja.
Angela f’żewġha sabet anġlu li għena tant fl-iktar mumenti diffiċli. Maż-żmien anke hi bdiet tagħti lura. “Jiena naf x’jiġifieri u għent ħafna nies. Kelli l-washroom, għamiltha kamra tas-sodda, xi ħadd għadu ħiereġ mill-ħabs jew ma jkollux saqaf, kont inżommhom għandna, jorqdu… kienu jinżlu magħna jieklu.”
Dawn in-nies kollha li għenu u offrewlhom kenn, għadhom jiftakru sal-lum, u Angela tgħid li għadhom jagħrfuhom u jgħidulhom, “15-il sena ilu ġejt hawn, tiftakarni?” Segwi aktar l-istorja ta’ din il-mara b’qalb tad-deheb, ta’ min jammiraha!