Il-mewġa ta' sħana qawwija li qed tolqot lill-Gżejjer Maltin qed tkun akkumpanjata wkoll minn qtugħ ta' dawl f'diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż. Fuq il-midja soċjali qed jidhru għadd kbir ta' ilmenti minn residenti, minn lokalitajiet differenti, iffrustrati li qed jgħidu li ilhom sigħat twal mingħajr provvista tal-elettriku, proprju fi żmien meta t-temperaturi qed jilħqu livelli estremament għoljin.
Xi persuni saħansitra sostnew li ilhom aktar minn 24 siegħa bla dawl, filwaqt li oħrajn irrakkontaw kif qattgħu lejl sħiħ mingħajr elettriku, b'ħafna jesprimu t-tħassib tagħhom dwar is-sħana, speċjalment fejn hemm anzjani, tfal żgħar jew persuni vulnerabbli. Minbarra l-inkonvenjent, bosta residenti qalu wkoll li kellhom jarmu ikel u prodotti oħra li jaħżnu fil-friġġ jew fil-freezer minħabba n-nuqqas fit-tul tal-elettriku.
Is-sitwazzjoni qed tkompli toħloq frustrazzjoni fost il-pubbliku, b'ħafna qed jappellaw biex il-problemi jiġu indirizzati mill-aktar fis possibbli hekk kif il-mewġa ta' sħana mistennija tkompli fil-jiem li ġejjin.
Enemalta