“Fdalijiet Minn Leonardo Jaslu Fuq Il-Gżejjer Maltin Is-Sibt 7/2 Filgħaxija, Iżda B’Ferm U Ferm Inqas Xita…” – It-Temp Madwarna

Skont informazzjoni maqsuma minn It-Temp Madwarna, din ix-xitwa kompliet iġġib magħha kundizzjonijiet ta’ temp estrem f’diversi reġjuni tal-Ewropa, b’mod partikolari fil-Punent, il-Lbiċ u n-Nofsinhar tal-kontinent.

Din id-darba kien imiss lil Spanja u l-Portugall, kif ukoll it-Tramuntana tal-Marokk, li jintlaqtu mit-Tempesta Leonardo. Fin-Nofsinhar ta’ Spanja, speċjalment fir-reġjun ta’ Andalusia, ġew irreġistrati sa 400 millimetru xita f’temp ta’ jumejn biss, ammont li huwa ekwivalenti għal dak kollu li niżel fil-gżejjer Maltin sa mill-1 ta’ Settembru 2025.



Is-sitwazzjoni wasslet biex madwar 4,000 persuna jiġu evakwati mir-reġjun ta’ Andalusia biss, hekk kif xita qawwija kkawżat għargħar u diffikultajiet serji f’diversi lokalitajiet.



It-Temp Madwarna jispjega li dawn il-kundizzjonijiet huma marbuta ma’ antiċiklun kiesaħ li jinsab “imwaħħal” fil-Lvant u l-Grigal tal-Ewropa. Dan qed iwassal biex diversi sistemi ta’ maltemp mill-Atlantiku jinżlu fil-Mediterran waħda wara l-oħra, u jkomplu jsaħħu l-instabbiltà fit-temp fir-reġjun.

Fir-rigward ta’ Malta, ġie indikat li fdalijiet mit-Tempesta Leonardo mistennija jaslu fuq il-gżejjer Maltin is-Sibt filgħaxija, 7 ta’ Frar, iżda b’ammont ta’ xita ferm inqas minn dak li ntlaqat bih il-pajjiżi l-oħra. Minkejja dan, Spanja u l-Portugall qed jistennew aktar xita qawwija lejn tmiem il-ġimgħa, b’allerti għadhom fis-seħħ.

L-esperti qed ikomplu jsegwu mill-qrib l-iżviluppi tat-temp, filwaqt li jħeġġu lill-pubbliku biex jibqa’ attent u aġġornat, speċjalment f’żoni li huma vulnerabbli għall-għargħar.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI