“Ħafna Minna Raw Il-Filmat Inkwetanti Tal-Bieraħ… Xi Kultant Is-Saħħa Vera Ma Tidhirx F’Kemm Tirreaġixxi B’forza” – Dr. Nicholas Briffa

Il-Psikologu Dr. Nicholas Briffa kiteb il-ħsibijiet tiegħu dwar l-inċident li seħħ ilbieraħ.

Hu beda billi qal, “Ħafna minna raw il-filmat inkwetanti tal-bieraħ fil-Belt Valletta. Faċli, minn wara skrin, nistaqsu għaliex il-pulizija ma rreaġixxewx b'aktar forza u saħħa. Iżda mill-aspett psikoloġiku, li żżomm lura quddiem theddida mhix dgħufija. Hija forma ta' kontroll. Meta persuna tkun aggressiva, l-adrenalina titla' u l-istint ikun li tirreaġixxi mill-ewwel. It-taħriġ professjonali jitlob xi ħaġa aktar diffiċli: li tibqa' kalm meta l-persuna quddiemek ma tkunx.”

Kompla jikteb, “Li żżomm distanza, tevita eskalazzjoni bla bżonn u tistenna l-appoġġ jista' juri ġudizzju għaqli, dixxiplina u kontroll emozzjonali. Fl-istess ħin, każijiet bħal dawn ifakkruna kemm hu importanti t-taħriġ kontinwu u prattiku, inkluż f'ħiliet li jgħinu lill-uffiċjali jipproteġu lilhom infushom u lil ħaddieħor meta sitwazzjoni ssir fiżika f'daqqa.”

Żied jgħid, “Għandna nikkritikaw lill-pulizija meta jkun hemm raġuni valida biex nagħmlu dan, imma għandna wkoll nagħrfu l-professjonalità meta narawha. Xi kultant is-saħħa vera ma tidhirx f'kemm tirreaġixxi b’forza, imma f'kemm kapaċi żżomm il-kontroll meta kollox madwarek qed jimbuttak biex titlifha. Insellem lil ħafna membri tal-Korp, li xogħoli jlaqqani magħhom, li jagħmlu x-xogħol b'sens ta' vokazzjoni. Ejja, permezz tal-ezempju tagħna, inrawmu fit-tfal sens ta' rispett lejn il-pulizija.”

Ritratti:

Facebook / Nicholas Briffa

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI