Il-Mewġa Ta’ Sħana Estrema Tidħol Fil-Ħames Jum Tagħha U Tkompli Tfakkar F’Dik Tal-2023!

Malta daħlet fil-ħames jum konsekuttiv ta' mewġa ta' sħana estrema, b'temperaturi li komplew jogħlew għal livelli eċċezzjonali u li qed ifakkru ħafna f'dik il-mewġa intensa li kienet laqtet il-pajjiż fis-sajf tal-2023.

Skont It-Temp Madwarna, sal-lum ġew irreġistrati temperaturi massimi ta' bejn 37°C u 42°C, filwaqt li t-temperaturi minimi matul il-lejl baqgħu għoljin ħafna, u laħqu sa 30°C. F'Ħal Luqa saħansitra ġew imkejla 43°C, waħda mill-ogħla temperaturi ta' din il-mewġa.

L-esperti tat-temp qed jinnotaw li din il-mewġa hija simili ħafna għal dik ta' Lulju 2023, mhux biss fit-temperaturi li qed jintlaħqu, iżda wkoll fl-intensità, fit-tul tagħha u anke fid-dati li fihom qed isseħħ. Dik il-mewġa ta' sħana kienet ħalliet impatt qawwi fuq il-pajjiż u għadha tissemma' sal-lum, għalkemm wara li għaddiet, il-kumplament tas-sajf kien relattivament normali mingħajr episodji estremi oħra.

Il-previżjoni tindika li llum, it-Tlieta 21 ta' Lulju, mistennija tkun waħda mill-aktar ġranet sħan, b'temperatura massima li tista' tilħaq it-43°C u minima ta' 30°C. L-Erbgħa l-mewġa ta' sħana tkun daħlet fis-seba' jum tagħha, b'massimu ta' madwar 41°C, filwaqt li l-Ħamis mistenni jkun l-aħħar jum ta' din il-fażi, b'temperaturi li jinżlu għal madwar 36°C.

Minn nhar il-Ġimgħa, it-temperaturi huma mistennija jerġgħu lura għal livelli aktar qrib il-medja staġjonali tal-aħħar ta' Lulju, hekk kif ir-riħ tal-Majjistral jibda jinfluwenza t-temp. Madankollu, għall-ewwel jiem mistennija tinħass umdità għolja qabel ir-riħ jgħin biex itaffi l-effett tas-sħana.

L-awtoritajiet tas-saħħa qed ikomplu jħeġġu lill-pubbliku biex jevita x-xemx matul is-sigħat l-aktar sħan tal-ġurnata, jixrob ħafna ilma u jagħti attenzjoni partikolari lill-anzjani, lit-tfal u lil persuni vulnerabbli.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI