L-Assoċjazzjoni Association for Abandoned Animals b’qalbha maqsuma xerrdet storja oħra hekk kif stqarret li laqgħet kelb żgħir tar-razza Fox Terrier li ġie abbandunat minkejja li għadu lanqas għalaq sena.
Fil-messaġġ li tellgħet fuq il-midja soċjali, l-għaqda spjegat kif dan il-kelb huwa “wieħed minn ħafna”, filwaqt li sostniet li s-sitwazzjoni saret waħda kontinwa u diffiċli biex ilaħħqu magħha. L-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati żiedet tgħid li l-għadd ta’ klieb li qed jitħallew fit-triq qed ikompli jiżdied b’mod allarmanti: “Huwa biss wieħed minn ħafna.”
“Is-santwarju tagħna mimli u l-klieb abbandunati ma jieqfux jaslu,” kitbet l-organizzazzjoni. L-għaqda qalet ukoll li bħalissa mhijiex qed tippubblika l-każ bħala appell għall-adozzjoni, iżda biex tqajjem aktar għarfien dwar ir-realtà li qed jaffaċċjaw ta’ kuljum. Minkejja li ma jistgħux ibiddlu l-passat ta’ dawn l-annimali, huma wegħdu li jibqgħu hemm għall-futur tagħhom.
L-Assoċjazzjoni appellat lill-pubbliku sabiex jgħin kemm jista’, hekk kif l-għadd ta’ annimali li għandhom bżonn kura u kenn sfortunatament qed ikompli jiżdied!
FB/ AAA