Mument mimli emozzjoni għall-familja Cutajar hekk kif jintemm kapitlu importanti fil-karriera politika ta’ Robert Cutajar, wara li tħabbret l-elezzjoni u ġie xolt il-parlament.
Ibnu, Andy Cutajar, qasam messaġġ mill-qalb fuq il-midja soċjali fejn esprima kemm hu kburi b’missieru u bil-ħidma tiegħu tul is-snin. Huwa kiteb. “Waslet il-ġurnata fejn missieri m’għadux Membru Parlamentari,” u minn hemm beda jfaħħar id-dedikazzjoni tiegħu.
Andy saħaq li missieru kien dejjem lest jgħin lil kulħadd, “Dejjem tajt lil kulħadd u għent lil min kien fil-bżonn, mhux biss lil dawk li jappoġġjaw il-partit tiegħek imma lil kull ċittadin Malti.” Huwa żied jgħid ukoll, “Int l-idolu tiegħi fil-ħajja u dejjem se tibqa’.”
B’emozzjoni kbira, fakkar ukoll il-bidu tal-vjaġġ politiku ta’ missieru, “Minn meta għidtilna li se tikkontesta, jien dejjem kont warajk sal-aħħar,” u tenna li se jibqa’ jappoġġjah f’kull pass li jagħmel fil-futur.
Fil-messaġġ tiegħu ma naqasx milli jirringrazzja lil dawk kollha li taw l-appoġġ tagħhom tul is-snin, “Nixtieq ngħid grazzi kbira lil dawk kollha li dejjem kienu leali… mingħajkom xejn ma kien ikun possibbli.”
Ringrazzjament speċjali mar ukoll lil ommu, Tracy Cutajar, fejn kiteb, “L-akbar grazzi tmur lilek… rajt is-sagrifiċċji kollha li għamilt biex tara lil missieri fejn wasal illum.” Fl-aħħar, Andy ħares ’il quddiem għal aktar ħin flimkien, “Fl-aħħar nista’ ngħid li se nqatta’ aktar ħin miegħek nagħmlu l-affarijiet li nħobbu, speċjalment naraw lil United.”
Dan il-messaġġ jagħlaq kapitlu politiku importanti, iżda juri wkoll il-qawwa tal-familja u l-imħabba li tibqa’ dejjem l-aktar ħaġa importanti, “Il-familja hija l-aktar ħaġa importanti li għandek.”
Facebook / Robert Cutajar