Il-miżura li jitneħħa t-trasport pubbliku b’xejn għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija inġusta u kontroproduttiva.
Moviment Graffitti, Rota, Friends of the Earth Malta, u Solidarjetà jopponu bil-qawwa sistema ta’ trasport pubbliku b’żewġ livelli, u d-diskriminazzjoni kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
Din il-miżura ġġiegħel lil dawn ir-residenti – grupp li għandhom l-iktar dħul baxx u li huma f’riskju ta’ marġinalizzazzjoni soċjali – iħallsu għal servizz li jibqa’ b’xejn, għalkemm ineffiċjenti, għal gruppi oħra ta’ residenti.
Dan hija inġustizzja fil-mobbiltà, diskriminazzjoni u t-trattament mhux ugwali. Hija miżura bla ebda sens, li tisfrutta d-dwejjaq dejjem jiżdied bis-sitwazzjoni tal-ħaddiema barranin f’Malta, u mhux miżura li se ttejjeb it-trasport pubbliku.
Ħafna ċittadini ta’ pajjiżi terzi ilhom snin jgħixu, jaħdmu u jistudjaw f’Malta. Dawn iħallsu t-taxxi u l-kera, isostnu n-negozji lokali u jżommu setturi sħaħ għaddejjin. Madankollu, fejn jidħol l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, qed jiġu ttrattati b’mod differenti minħabba n-nazzjonalità tagħhom.
Din hija distinzjoni inġustifikabbli u perikoluża. Il-ħaddiema li jikkontribwixxu għall-pajjiż għandhom jiġu ttrattati b’mod ġust, irrispettivament mit-tip ta' passaport tagħhom. Jekk it-trasport pubbliku b’xejn huwa benefiċċju disponibbli għar-residenti, il-gvern irid jispjega għalfejn persuni li jgħixu, jaħdmu u jistudjaw hawn qed jiġu esklużi abbażi tan-nazzjonalità tagħhom.
Hemm differenza ċara bejn it-turisti, li jżuru Malta temporanjament, u r-residenti li bnew ħajjithom hawn. Huwa raġonevoli li t-turisti jintalbu jikkontribwixxu għall-ispejjeż taż-żjara tagħhom. Madankollu, huwa inġust li titlob ħlas lil ħaddiema li diġà jikkontribwixxu għall-ekonomija u jħallsu t-taxxi, filwaqt li tippermetti lil residenti oħra jivvjaġġaw b’xejn.
Il-proposta tesponi wkoll problema usa' fl-approċċ ta' Malta fejn jidħlu l-ħaddiema migranti. Ix-xogħol tagħhom jintlaqa' tajjeb meta n-negozji jkollhom bżonn min jaħdem, u s-sostenn tal-ekonomija tagħna jiddependi mill-kontribut tagħhom. Madankollu, meta niġu għad-drittijiet tagħhom u l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, japplikaw standards differenti.
Din il-proposta mhux se twassal għal servizz tat-trasport pubbliku aħjar. It-trasport pubbliku f’Malta diġà huwa ffullat iżżejjed u ineffiċjenti, u l-fatt li ċittadini minn pajjiżi terzi se jkollhom iħallsu biex jużawh mhux se jgħin biex jiġu indirizzati dawn il-problemi.
Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiddependu mill-karozzi tal-linja biex imorru għax-xogħol u jgħixu ħajjithom ta’ kuljum xorta se jkollhom bżonn jużawhom, kemm jekk is-servizz ikun bla ħlas kif ukoll jekk ma jkunx.
It-trasport pubbliku bla ħlas ġie introdott biex jinkoraġġixxi bidla mill-użu tal-karozza privata għall-użu tal-karozzi tal-linja. Madankollu, is-servizz bla ħlas ma għamel xejn biex il-vjaġġi bil-karozzi tal-linja jkunu aktar affidabbli, frekwenti, veloċi jew komdi, kwalitajiet verament meħtieġa biex in-nies jaqilbu mill-karozza għall-karozza tal-linja.
Il-gvern għandu jiffoka fuq it-titjib tas-servizz għal kulħadd. Jekk l-għan hu li titnaqqas il-konġestjoni u li n-nies jiġu mħeġġa jħallu l-karozzi tagħhom id-dar, it-trasport pubbliku jrid isir alternattiva affidabbli u effiċjenti. Li nimponu l-ħlas fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jagħtix dawn ir-riżultati.
Jeħtieġ li l-gvern jispjega r-raġunament wara din id-distinzjoni u jerġa' jqis il-proposta. Il-politiki pubbliċi għandhom ikunu bbażati fuq kriterji ċari u ġusti, u mhux iwasslu biex in-nies jiġu trattati b'mod differenti abbażi tan-nazzjonalità tagħhom.
Ir-residenti kollha jistħoqqilhom li jiġu trattati b'mod ugwali, irrispettivament min-nazzjonalità jew l-istatus tagħhom. Il-kontribut tagħhom għas-soċjetà għandu jgħodd, u l-aċċess tagħhom għal servizzi essenzjali m'għandux jiddependi mill-passaport li għandhom.