Il-paġna Maltese Islander Weather ġibdet l-attenzjoni lejn data partikolari li tidher ripetutament fl-istorja meteoroloġika ta’ Malta: il-25 ta’ Ottubru.
Fost l-episodji l-aktar sinifikanti hemm il-maltempata qawwija tal-1979, meta niżlu madwar 100 millimetru xita f’24 siegħa, u l-għargħar li laqat lokalitajiet bħal Birkirkara, l-Imsida u Ħal Qormi, b’erba’ persuni jitilfu ħajjithom traġikament.
Tliet deċennji wara, fil-25 ta’ Ottubru 2010, il-Gżejjer Maltin reġgħu ntlaqtu minn maltempata qawwija li ġabet magħha madwar 102 millimetru xita f’24 siegħa, u kkawżat għargħar, vetturi mkaxkra mill-ilma u ħsarat konsiderevoli.
Temp instabbli kkaratterizza wkoll il-25 ta’ Ottubru tal-2012, b’xita qawwija, ragħad u rapporti ta’ silġ, filwaqt li fl-istess data tal-2021 tkejlu 51.6 millimetru xita, u b’hekk kienet l-aktar ġurnata bix-xita ta’ dak ix-xahar.
Skont l-ispjegazzjoni meteoroloġika ppreżentata minn Maltese Islander Weather, din ir-rikorrenza tista’ tqajjem kurżità, iżda ma tfissirx li l-25 ta’ Ottubru huwa neċessarjament aktar suxxettibbli għall-maltemp minn ġranet oħra.
Issa, hekk kif il-25 ta’ Ottubru 2026 qed joqrob, tqum il-mistoqsija dwar jekk din is-sena hux se ġġib magħha episodju ieħor ta’ maltemp jew jekk il-ġurnata hix se tgħaddi bil-kwiet.