“L-Indikazzjoni Hi Li L-Antiċiklun Persistenti Fuq Ir-Reġjun Tagħna Se Jibda Jitfarrak Bil-Mod Matul Il-Ġimgħa D-Dieħla” – It-Temp Madwarna

Il-paġna It-Temp Madwarna titkellem dwar it-temp li għandna nistennew u li kellna tul dawn l-aħħar jiem. Hu jgħidu, “Kalma liema bħalha li lanqas ix-xhur sajfin ta’ Ġunju, Awwissu u Settembru 2023 ma esperjenzaw. Għażilna ritratt miġbud billejl għas-sempliċi raġuni li bħalissa l-iljieli huma itwal mill-ġranet.”

Kif żgur li innutajtu t-temp baqa’ stabbli. Huma jżidu, “Għal dawn l-aħħar ħmistax-il jum, it-temperaturi weħlu fuq valuri massimi stabbli ta’ 28°-29°C u valuri minimi ta’ 19°C. Dan ifisser perjodu madwar 3°C aktar minn dak li hu mistenni meta mqabbel mal-medja klimatika.”





B’ħarsa lejn dak li ġara fi snin preċidenti jkollna indikazzjoni tat-temp f’Ottubru, “Jekk inħarsu lejn il-passat insibu li f’Ottubru spiss ikollna temp ‘sajfi’ u anke temperaturi għoljin aktar minn 30°C. Biss biss l-ogħla temperatura mkejla f’Ottubru kienet 34.5°C imkejla fis-27 t’Ottubru tal-1999 (is-sena tal-estremi). Sa sena ilu stess niftakru li f’Ottubru kellna maltempata waħda biss fl-10/10/2022 u l-kumplament tax-xahar kien bnazzi u kalm.”

Huma jżidu, “Diversi korrispondenti kuljum jistaqsuna meta se jiffriska iżjed it-temp u meta ġejja x-xita. L-indikazzjoni (mhux tbassir) hi li l-antiċiklun persistenti fuq ir-reġjun tagħna se jibda jitfarrak bil-mod matul il-ġimgħa d-dieħla u ninnutaw żieda fil-kopertura ta’ sħab, iżda l-aktar fattur notevoli se jkun ir-riħ isfel u temp sħun.”

Huma jtemmu jgħidu, “Wara dan l-episodju qasir u allura naslu viċin tmiem il-ġimgħa d-dieħla (21-22 Ottubru) għandna nistennew l-ewwel maltemp f’Ottubru 2023. “



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI