Hekk kif in-numri ta’ kuljum f’pajjiżna donnhom qed ikomplu jiżdiedu, suġġett jaħraq bħalissa huwa jekk għandhomx jiġu implimentati miżuri aktar restrittivi jew le biex jitrażżan it-tixrid tal-Covid-19.
Ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela waqqaf ix-xnigħat li taf ikollna lockdown totali. Imma issa, tlettax-il assoċjazzjoni medika professjonali qed isejħu għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ miżuri restrittivi ulterjuri billi s-servizzi tas-saħħa jinsabu fi kriżi, “li se jmorru għall-agħar biss jekk restrizzjonijiet bħal dawn ma jiżdiedux u jiġu infurzati b’mod effettiv.”
L-organizzazzjonijiet qed jantiċipaw żieda fl-ammissjonijiet fl-isptar meta wieħed iqis iż-żieda fit-tixrid tal-komunità (minkejja miżuri introdotti mill-ġdid). Bix-xitwa wara l-kantuniera, l-organizzazzjonijiet qed ibassru wkoll żieda fir-rata ta’ fatalità.
“It-trattament fl-isferi kollha, li n-nies jieħdu forgranted, mhux ser ikunu qed jingħataw, jekk is-servizzi tas-saħħa jkunu taħt pressjoni. Ħafna proċeduri elettivi diġà ġew ikkanċellati,” huma wissew. “Miżuri b’nofs qalb ma jaħdmux. Għandna bżonn azzjoni drastika fi żmien qasir sabiex kemm saħħitna kif ukoll l-ekonomija jibdew jirkupraw fil-futur qarib,” qalu.
It-13-il organizzazzjoni li ffirmaw dikjarazzjoni huma: l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika, l-Assoċjazzjoni tal-Anestetisti ta’ Malta, il-Kulleġġ Malti tal-Patoloġisti, l-Assoċjazzjoni tas-Surgeons f’Malta, l-Assoċjazzjoni tat-Tobba ta’ Malta, l-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-Emerġenza, il-Malta Kulleġġ tal-Ostetriċjani u Ġinekoloġisti.
Magħhom hemm ukoll, l-Assoċjazzjoni Pedjatrika ta’ Malta, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikjatrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dermatoloġija u l-Venereoloġija, l-Assoċjazzjoni Maltija tar-Radjoloġisti u t-Tobba tal-Mediċina Nukleari, is-Soċjetà tal-Mediċina Ġerjatrika ta’ Malta, u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Oftalmologi.