Li nobdu r-regolamenti huwa importanti ferm iżda meta l-affarijiet jispiċċaw imorru minn estrem għall-ieħor, wieħed bla ma jrid iqarras wiċċu. Fuq il-grupp popolari Are You Being Served? ilbieraħ filgħaxija ittella’ ritratt fejn persuna li tgħix ġo Birżebbuġa qalet li ingħatat ċitazzjoni għax ma kinitx libsa maskra meta ħarġet biż-żibel wara l-bieb.

Facebook / Are You Being Served?
L-istess persuna tkompli tisħaq li ċ-ċitazzjoni ħarġet fi triq ħażina u mhux fi triq li toqgħod fiha hi. Ovvjament din il-persuna għandha d-dritt li tikkontesta din iċ-ċitazzjoni u tara x’deċiżjoni jieħu t-tribunal dwar dan il-każ. Iżda minnu wieħed għandu jieħu tagħlima importanti. Meta tkun ħa toħroġ barra darek, huwa importanti mmens li tilbes il-maskra.
Jekk kemm ħriġt iż-żibel jew jekk ħriġt iġġib xi ħaġa mill-karozza, importanti li jkollok il-maskra ma’ wiċċek. Din qed tipproteġi lilek u lil dak li kapaċi tiltaqa’ magħhom bla ħsieb. Nota importanti ukoll hija li dawk li jgħixu f’xi appartament, tajjeb li jilbsu l-maskra qabel joħorġu mill-appartament tagħhom biex fil-komun ikun protetti.