“Tlift 33 Kilo F’209 Ijiem U Ma Swietni Xejn!” – Cyrus Engerer Jaqsam Is-Sigriet Wara It-Trasformazzjoni Tiegħu!

Cyrus Engerer, l-eks Membru Parlamentari Ewropew u attivist lokali, qasam aħbar mill-isbaħ fuq il-mezzi soċjali hekk kif illum laħaq l-għan li kien stabbilixxa għalih innifsu, dak li jitlef 33 kilo! Dan ir-riżultat kisbu f'209 ijiem biss, mingħajr ma nefaq ċenteżmu wieħed.

F'messaġġ personali, Cyrus spjega li d-deċiżjoni li jibdel l-istil ta' ħajja tiegħu waslet wara perjodu diffiċli ħafna, li matulu tilef liż-żewġ ġenituri tiegħu bil-kanċer. Hu spjega li ħafna nies kienu qed jistaqsuh jekk għamilx xi operazzjoni jew użax injezzjonijiet biex jitlef il-piż. Madanakollu, Cyrus iċċara li ma għamel l-ebda waħda minn dawn, filwaqt li saħaq li m'hemm xejn ħażin f'dawn il-metodi u li kulħadd għandu t-triq tiegħu.

Is-sigriet tiegħu kien li jgħodd il-kaloriji li jikkonsma u jimxi kuljum, filwaqt li jżomm defiċit ta' kaloriji bil-għan li jitlef madwar kilo fil-ġimgħa. Interessanti wkoll li Cyrus żvela li l-intelliġenza artifiċjali kienet l-akbar għajnuna tiegħu! Hu użaha biex ifassal il-pjan tiegħu, iżomm rendikont ta' dak kollu li jiekol u jibqa' motivat anke fil-ġranet l-aktar diffiċli.

Minkejja dawn il-bidliet, Cyrus spjega li baqa' jgħix ħajja normali, joħroġ jiekol fir-ristoranti, isiefer u jgawdi t-tisjir. Issa li laħaq il-mira tiegħu, Cyrus qed iħares lejn il-pass li jmiss, fosthom li jżid il-massa muskolari tiegħu u possibilment jitlef ftit aktar piż.

Hu temm il-messaġġ tiegħu billi ħeġġeġ lil dawk li jixtiequ jibdew vjaġġ simili biex jagħmlu l-ewwel pass, filwaqt li offra li jaqsam magħhom il-mod kif organizza l-pjan tiegħu. Prosit Cyrus tad-determinazzjoni u tar-riżultat li ksibt!

Ritratt:

Facebook / Cyrus Engerer

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI