Il-kowċ Stefan Sultana ħabbar li ser ikun qed itemm kapitlu importanti f’ħajtu.
Hu spjega, “U wara 44 sena ma’ Hamrun Spartans, bħala plejer u anke coach, ġie fi tmiemu kapitlu importanti f’ħajti. Sfortunatament fiċ-ċirkostanzi preżenti, seħħew sitwazzjonijiet li minħabba fihom kelli nieħu din id-deċiżjoni ferm diffiċli.”
Żied jgħid, “F’dawn is-snin kollha, kien hemm ħafna mumenti sbieħ, u oħrajn inqas pjaċevoli, kemm bħala plejer u anke bħala kowċ. Għaddew minn taħti mijiet ta’ tfal li saru żgħażagħ, u llum saħansitra adulti li spiċċaw ġabu t-tfal tagħhom hawn ukoll. Insellem lil dawk it-tfal kollha li jien ikkowċjajt. Tista’ tgħid li kelli relazzjoni eċċezzjonali mal-maġġoranza kbira tagħhom. Kollha se jibqa’ jkollhom post speċjali f’qalbi. Nirringrazzja wkoll lil dawk il-mijiet ta’ ġenituri, li fdaw lit-tfal tagħhom f’idejna. Forsi mhux dejjem qbilna f’kollox, imma kburi, li f’dawn is-26 sena nikkowċja, dejjem ippruvajt inkun ġust u onest magħhom, u anke fejn ma qbilniex, ħadna b’idejn xulxin u kulħadd għażel it-triq tiegħu b’rispett reċiproku.”
Kompla billi rringrazzja lil diversi persuni oħrajn.
Kompla jikteb, “Intemm din ir-riflessjoni xi ftit twila billi nirringrazzja lill-mara Lucienne li dejjem issaportjatni u se tibqa’ tissapportjani f’kull deċiżjoni li nieħu. Staportiet il-burdati tiegħi ta’ skont kif ikunu marru r-riżultati f’dawn il-1300 weekend (bejn wieħed u ieħor) tiegħi fil-coaching. Magħha wkoll it-tifla, Erika li tafni biss fil-futbol, li għexet magħna dawn il-weekends b’burdati kuntrastanti. Lill-anġlu tagħna Greta biss ippruvajt li dawn il-burdati ma jaffettwawniex magħha.”
Temm kliemu billi kiteb, “Il-futur…… il-futur żgur se jkun fil-futbol, mingħajru ma ngħix. Bi sfidi ġodda u sbieħ li huma x-xrara li ġegħluna nħobbu daqstant din il-logħba hekk sabiħa tal-futbol, li għalina mhix biss sport, imma passjoni kbira li timmotivana nibqgħu nkunu għatxana għal aktar sfidi u suċċessi.”
Facebook / Stefan Sultana