Wara diversi jiem ta' sħana intensa, jidher li t-temp se jagħtina ftit serħan, hekk kif il-mewġa ta' sħana uffiċjalment għaddiet. Madankollu, dan ma jfissirx li t-temperaturi se jinżlu drastikament.
Skont l-aġġornament tat-temp minn Mid-Djarju tat-Timba, minkejja t-tnaqqis żgħir fit-temperaturi, l-art għadha sħuna ħafna wara l-ġranet ta' sħana qawwija li għaddew. Madankollu, l-arja mistennija tkun kemxejn aktar sapportabbli meta mqabbla mal-aħħar jiem.
Għal-lum huwa mistenni jum xemxi, għalkemm matul il-ġurnata jista' jkun hemm xi sħab għoli. L-ogħla temperatura mistennija tilħaq il-35°C, filwaqt li l-inqas se tkun ta' 28°C. It-temperatura tal-baħar tibqa' sħuna wkoll, madwar it-28°C.
Fir-rigward tar-riħ, dan se jkun varjabbli matul il-biċċa l-kbira tal-ġurnata, iżda mistenni jissaħħaħ xi ftit mill-Punent aktar tard wara nofsinhar.
Għalkemm is-sħana se tibqa' tinħass, ħafna se jilqgħu b'sodisfazzjon dan it-tnaqqis żgħir fit-temperaturi wara ġranet ta' sħana estrema.