2,227 każ tal-Covid-19 ġew irrappurtati u investigati minn meta infetħu l-iskejjel lura għal Ottubru tas-sena li għaddiet. Dan ikkonfermah il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne nhar it-Tnejn.
Huwa kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri. Fearne spjega li dan in-numru jinkludi n-nies kollha li huma involuti fis-settur edukattiv, b’hekk jinkludi ċ-ċentri kollha tal-kura tat-tfal, kindergartens, skejjel primarji u sekondarji kif ukoll l-entitajiet postsekondarji kollha.
Fearne qal li apparti l-istudenti u l-għalliema, ħaddiema bħal impjegati klerikali, tindif, ħaddiema tal-manutenzjoni u wkoll sewwieqa li jwasslu l-istudenti f’dawn l-iskejjel huma inklużi f’din l-istatistika.
Il-Ministru spjega li meta każ pożittiv jiġi rrappurtat, it-tim tat-traċċar tal-kuntatti jiġi notifikat u ssir komunikazzjoni immedjatament mal-uffiċjal tal-iskola rispettiva sabiex tinfurmahom bid-deċiżjoni li ttieħdet. Din id-deċiżjoni tittieħed wara li s-sitwazzjoni tkun ġiet evalwata.
Wara li ssir din il-komunikazzjoni, l-uffiċjal ikun inkarigat li jinforma lill-ġenituri li kien hemm każ pożittiv fl-iskola u li t-tim ta’ traċċar tal-kuntatti jieħu ħsieb il-komunikazzjoni għal kwarantina obbligatorja.
Facebook / Edukazzjoni