Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, Dipartiment tal-informazzjoni provdew informazzjoni dwar rikonoxximent uffiċjali mill-Unjoni Ewropea wara l-Mazzit Malti ġie rikonoxxut bħala IĠP.
Huma qalu, “Il-Mazzit tradizzjonali Malti ġie rikonoxxut uffiċjalment mill-Unjoni Ewropea bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP), wara l-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-rikonoxximent jimmarka pass importanti għall-wirt kulinari ta’ Malta u huwa l-frott ta’ diversi snin ta’ ħidma li involviet lill-Biċċerija Pubblika, l-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel u qabilha l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur kif ukoll numru ta’ produtturi miġbura fil-Mazzit Stakeholders Group.
Il-Mazzit huwa prodott tradizzjonali Malti li jgħaqqad togħmiet ħelwin u melħin; huwa magħmul mid-demm tal-majjal jew tal-baqar irġiel, flimkien ma’ ingredjenti bħal basal abjad Malti, żbib, kawkaw jew ċikkulata u zokkor, u huwa ppakkjat f’imsaren naturali. L-ispeċifikazzjoni Ewropea tal-prodott tirrikonoxxi wkoll il-varjazzjonijiet tradizzjonali u l-għarfien espert marbut mal-produzzjoni tiegħu.
Il-proċess imur lura diversi snin. Ix-xogħol kien jinkludi riċerka storika dwar il-prodott, l-iżvilupp tal-ispeċifikazzjoni tiegħu, id-dokumentazzjoni tar-riċetti u t-tradizzjonijiet tal-produzzjoni, l-involviment tal-produtturi u l-proċessuri, kif ukoll it-twaqqif tal-Mazzit Stakeholders Group. Sar ukoll investiment f’makkinarju ddisinjat biex jiġbor u jipproċessa d-demm b’mod iġjeniku kif ukoll f’impjant ta’ produzzjoni speċjalizzata, biex mhux kull operatur ikollu jagħmel l-investiment neċessarju waħdu.”