Materjal Ġdid Minn Dawn L-Artisti Lokali

Jekk għadek ma smajtx, numru ta’ artisti lokali din il-ġimgħa donnu qed jiċċelebraw il-bidu tas-sajf għax ħarġu materjal ġdid. Fosthom insibu Airport Impressions, The Tailors, il-kantant ġdid Ian li ingħaqad flimkien ma’ Amber u kanzunetta ġdida mingħand Odelsie.

Airport Impressions – Faith

Jagħmlu r-ritorn tagħhom fix-xena lokali, il-grupp mużikali Airport Impressions b’kanzunetta kontemporanja u l-istil li wieħed jistenna minn dan il-grupp. Il-vuċi ta’ Errol Sammut għal darb’oħra tispikka. Hawn tistgħu taraw ftit minn dak li ġara wara l-kwinti waqt il-ġbid tal-vidjow mużikali sadanitant wieħed jista’ jsib il-kanzunetta fuq spotify u mezzi diġitali oħra.

The Tailors – Spacesuits

Il-kantant ta’ dan il-grupp mhu ħadd ħlief Gianluca Bezzina, il-grupp dejjem iniedi kanzunetta kurrenti li wieħed ċertament jieħu gost jisma’ fuq ir-radju. Għalkemm ħoss kemxejn differenti, ħoss li tieħu gost tisma’ u jinżel tajjeb ferm. L-aħħar kanzunetta tal-grupp kienet sitt xhur ilu, nitolbu li jżommu r-ritmu ħa naraw aktar u aktar materjal minn naħa tagħhom.

Żommni – Ian ft. Amber

Kanzunetta bil-Malti li titkellem dwar ir-relazzjonijiet familjari u t-telf ta’ waħda minn dawn ir-releazzjonijiet. Il-vuċijiet ta’ Ian u Amber, jikkuntrastaw bl-isbaħ mod flimkien u joħolqu bilanċ tajjeb mmens. Forsi mhux stil li ħa jolqot lil kulħadd imma sabiħ li nisimgħu stili differenti bil-lingwa Maltija u naraw artisti jeperimentaw b’diversi ġeneri.

Nitilqu Minn Hawn – Odelsie

Leħen partikolari li jżommlok l-attenzjoni mill-bidu sal-aħħar. Kanzunetta sempliċi b’messaġġ b’saħħtu mmens. Kanzunetta oħra bil-Malti, li qed tesperimenta bi stil ieħor. Ħafna jiftakru lil din il-kantanta fl-Għanja tal-Poplu tal-2017, fejn kienet saħansitra rebħet il-premju tal-aktar kanzunetta oriġinali. Donnu Odelsie kompliet tesperimenta minn dak iż-żmien.

Diski Għall-Ħmir - MJAW

Tajjeb li wieħed isemmi li ġew imnedija wkoll żewġ albums b’kanzunetti Maltin. Kien hemm it-tnedija tal-grupp MJAW bl-album intitulat Diski Għall-Ħmir. Diski bil-Malti, umani u mqarbin li jmorru mis-serju għar-redikolu, mill-ħlewwa tal-innoċenza għall-oxxen b’kontentut anke espliċitu.

Djun - Ħlas

Kien hemm ukoll it-tnedija tal-album ta’ Djun li jġib l-isem ta’ Ħlas. Dan il-proġett ilu jinħadem sentejn u fl-aħħar ħareġ, proġett ieħor partikolari li jesplora temi u ħsejjes interessanti ferm. Iż-żewġ kunċerti tat-tnedija kienu infatti mibjugħa kollha – ħaġa li turi s-saħħa ta’ dan il-proġett.

Nieħdu gost naraw it-talent Malti jiffjorixxi u jikber... naraw stili differenti li jolqtu diversi nies. Kulħadd bil-gosti tiegħu u t-talent lokali ċertament li qed jikber u miexi 'l quddiem.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI