L-artist u awtur lokali Muxu fetaħ qalbu dwar perjodu diffiċli li għadda u għadu għaddej minnu, hekk kif f’post personali fuq il-mezzi soċjali tkellem dwar id-dipressjoni u s-sensazzjoni ta’ vojt li esperjenza matul dan iż-żmien. Muxu spjega li ftit aktar minn sena ilu, it-terapista tiegħu qallu li għandu dipressjoni. Għall-ewwel sabha diffiċli biex jemmen dan, l-aktar għaliex dak li kien qed jesperjenza ma kienx jixbah lil dak li kien ra f’persuni oħra li għaddew minn dipressjoni.
Maż-żmien, iżda, beda jinnota bidliet fih innifsu. Affarijiet li qabel kienu jqanqlulu entużjażmu ma baqgħux jagħtuh l-istess emozzjoni, filwaqt li anke sitwazzjonijiet li normalment kienu jaffettwawh b’mod negattiv bdew iħalluh kważi indifferenti.
Muxu qal li din is-sensazzjoni wasslitu biex jinqata’ minn dak li kien hemm madwaru, partikolarment minn ċerti persuni f’ħajtu. Huwa rrikonoxxa wkoll li f’ċerti mumenti ġab ruħu b’mod differenti minn kif normalment kien iġib ruħu u li seta’ weġġa’ persuni li kienu sempliċement qed jippruvaw juruh l-imħabba tagħhom. Għalhekk għażel li jwassal apoloġija lil dawk li seta’ ġiegħel iħossuhom li ma kienx jimpurtah minnhom.
Fost wieħed mill-aktar mumenti diffiċli tiegħu, Muxu sab kenn fil-mużika u kiteb kanzunetta li, fi kliemu, hija l-eqreb mod kif jista’ jispjega dak li kien qed iħoss. Il-mużika minn dejjem kienet parti importanti minn ħajtu u Muxu qal li jittama li din terġa’ tgħinu f’dan il-vjaġġ. Fl-istess waqt, xtaq li permezz tal-kanzunetta tiegħu, dawk li jistgħu jirrelataw ma’ din is-sensazzjoni ta’ vojt iħossuhom inqas waħedhom.
Muxu temm il-messaġġ tiegħu b’nota ta’ tama. Minkejja li l-ħajja tista’ tkun ikkumplikata u mimlija mumenti mudlama, huwa jrid jemmen li eventwalment inkunu kapaċi nsibu t-triq lura lejn dawk l-affarijiet li jerġgħu jġegħluna nħossu.
Instagram / Muxu