Keith Demicoli ilu aktar minn 20 sena jaħdem fix-xandir u l-midja lokali, iżda mhux kulħadd jaf kif beda dan il-vjaġġ. F’kitba fuq il-mezzi soċjali, Keith irrakkonta d-deċiżjoni importanti li kellu jieħu meta kellu biss 21 sena. Dak iż-żmien kellu quddiemu żewġ opportunitajiet kompletament differenti, xogħol fl-IT b’salarju ta’ €25,000 fis-sena jew karriera bħala ġurnalist fix-xandir b’€10,200 fis-sena.
Minkejja d-differenza sostanzjali fil-paga, Keith għażel it-tieni triq. “Għażilt l-€10,200. Ħafna minn ta’ madwari qaluli li kont ‘stupidu’. X’aktarx fuq il-karta kellhom raġun,” kiteb. Iżda għal Keith kien hemm xi ħaġa aktar importanti mis-salarju. Kien jaf li ried jagħti ċans lil dak li verament kien iħobb jagħmel, jiltaqa’ man-nies, jisma’ l-istejjer tagħhom u jirrakkontahom, filwaqt li joħloq kontenut li jinforma, jeduka, jiddeverti jew jispira.
Aktar minn għoxrin sena wara, Keith iħares lura lejn dik l-għażla bħala waħda li kellha impatt enormi fuq ħajtu. “Illum naf kemm dik id-deċiżjoni bidlitli ħajti,” stqarr. Keith tkellem dwar dan il-vjaġġ waqt taħdita twila ma’ Jon Mallia, fejn mess ukoll aspetti oħra minn ħajtu, fosthom it-tfulija, il-ħolm, il-familja u esperjenzi diffiċli li qabel ma kienx tkellem dwarhom pubblikament.
Fuq kollox, ir-riflessjoni ta’ Keith twassal messaġġ dwar dawk id-deċiżjonijiet li, għalkemm fil-mument jistgħu jidhru diffiċli jew saħansitra ma jagħmlux sens għal dawk ta’ madwarna, maż-żmien jistgħu jispiċċaw isawru l-bqija ta’ ħajjitna.
Facebook / Keith Demicoli