Trevor Żahra, Corazon u Joseph Galea mhumiex uċuh ġodda għax-xena tal-ispettaklu f’pajjiżna, u b’mod speċjali fost dawk li jħobbu jaraw xogħlijiet teatrali u mużikali bil-lingwa Maltija, bħali.
Iżda l-paparazzi ta’ gwida.mt waslu fejn ħaddieħor għadu ma wasalx. Fil-fatt, skont imkejjen infurmati sewwa, sirna nafu li bejn Trevor Żahra u Corazon inħoloq diżgwid u kunflitt li ilu għaddej minn ‘Storjakanta’ tas-sena l-oħra.
Storjakanta taf il-bidu tagħha bħala l-għaqda artistika bejn ix-xogħlijiet letterarji ta’ Trevor Żahra, il-kanzunetti ta’ Corazon u l-artistrija teatrali ta’ Joseph Galea. ‘Wara sentejn naħdmu flimkien, inħoss li Trevor sar jieħu għalih wisq mix-xejn,’ tgħidilna Corazon fuq messenger meta staqsejnieha x’inqala’ bejniethom.
‘Ma nixtieqx noqgħod ngħid kontra n-nies pubblikament, iżda issa l-problema eskalat ġmielha u ma jistax ikun li Joseph u Corazon jibqgħu jaqbdu miegħi fuq l-età, it-tul u l-qargħa – issa xbajt!’ qalilna Trevor b’kunfidenzjalità. Joseph Galea, li hu wkoll il-produttur ewlieni ta’ Storjakanta tant qed iħossu urtat b’din is-sitwazzjoni li, peress li jħossha diffiċli jabbanduna proġett li ħoloq huwa stess, qed jaħsibha jdaħħalx lil bintu Martina Galea Loffreda fil-post ta’ Corazon sabiex Storjakanta tkun tista’ tittella’ mingħajr inkwiet din is-sena. Iżda Corazon x’għandha xi tgħid dwar dan? ‘Ma nistħix ngħid, xtaqt nabbanduna l-proġett u naqbad u nitlaq imma din li diġà lestew sostitut tiegħi ma niflaħhiex!’
Aħna ta’ gwida.mt konna sorpriżi u xxukkjati mhux ftit dwar dak li skoprejna u issa l-mistoqsija fuq fomm kulħadd hija din: X’se jsir minn Storjakanta din is-sena?
Gwida.mt kuntent li qed iħabbar B’MOD ESKLUSSIV li din is-sena, b’diżappunt, li mhux se tittella’ Storjakanta 3 iżda se nkunu nistgħu naraw biss il-preparamenti għaliha. L-istruttura tradizzjonali li ndrat mal-udjenzi ser titkisser hekk kif tinħoloq pika bejn it-tliet protagonisti li qed isibuha diffiċli ħafna jaħdmu flimkien. Jekk għandek kurżità tkun taf x’inhu għaddej minn wara l-kwinti, ibbukkja issa billi tibgħat imejl fuq storjakanta@gmail.com.
Storjakanta: Il-Prova ser tittella’ nhar is-Sibt 14 ta’ Settembru fis-Sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta, tal-Qroqq, bhala parti minn evenings on campus.
