Roderick Galdes għadu kemm tefa’ fuq il-midja soċjali riflessjoni dwar diversi deċiżjonijiet jew għażliet li għamel fil-passat. Deċiżjonijiet li biex ħadhom sab l-ostakli u l-bsaten, iżda xorta waħda wasal. Waħda minnhom tkun dik tal-2014 favur id-drittijiet tal-annimali.
“B’sodisfazzjon inħares lura lejn il-karriera personali u nara numru ta’ deċiżjonijiet li forsi dakinhar ma kinux faċli, jew saħansitra kontra l-kurrent, imma ħadthom b’konvinzjoni lejn is-sewwa u għal futur aħjar. Il-waqfa taċ-ċirkli tal-annimali hija waħda minnhom. Illum nagħlqu seba’ snin minn meta daħlet fis-seħħ din il-liġi li mexxejt.”
Galdes ikompli jgħid li kburi immens li ħa deċiżjoni bħal din. “Inħares lura u nħossni kburi li pajjiżna dakinhar għamel pass ieħor ‘il quddiem fejn tidħol kuxjenza lejn id-drittijiet tal-annimali.” Bla dubju ħafna persuni li kienu ilhom jitolbu din il-liġi, kienu ta’ sostenn u sapport għalih meta mexxieha.