Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook, Dr Nicholas Briffa qasam mas-segwaċi tiegħu kelmtejn importanti ħafna li ta’ min jirrifletti ftit fuqhom.
Beda billi qal, “Illum ngħixu ġo realtà fejn il-maġġoranza tal-koppji bilfors iridu jaħdmu t-tnejn li huma. Ftit huma dawk il-familji li għandhom il-privileġġ li jistgħu jagħmlu l-għażla li taħdem persuna waħda biss. L-ulied għandhom bżonn iżjed ħin mal-ġenituri u mhux bil-kontra! Din nitagħlmuha mill-psikoloġija. Dawn huma proposti favur l-ekonomija. Nafu kemm l-eżiġenzi tal-ħajja, it-trobbija, l-inflazzjoni u l-ħinijiet lil hinn mid-dar qed iwassal għal separazzjonijiet jew nuqqas ta’ kuntentizza relazzjonali. Nafu wkoll li waħda mill-iżjed fatturi protettivi minn problemi ta’ saħħa mentali fit-tfal hija relazzjoni tajba bejn il-ġenituri (anke meta dawn ikunu separati).”
Kompla billi żied jgħid, “Ejja nħallu lill-professjonisti tal-Edukazzjoni u tas-saħħa mentali jiggwidaw is-sistema u l-policies. Ejja naħdmu biex naraw kif se nagħtu l-għażla lill-ġenituri kif irabbu huma lil uliedhom u mhux lill-istat … voldieri għażla wkoll li ġenitur jista’ jieqaf mix-xogħol biex irabbu lit-tfal huma. Dan nemmen li jista’ jsir permezz ta’ mekkaniżmu simili għal meta iben jagħżel li jieqaf mix-xogħol biex jgħin lill-ġenituri anzjani u l-gvern jagħtih stipendju.”
Qal ukoll, “Fl-istess waqt – aħna l-familji lesti li wkoll nagħmlu l-parti tagħna? Lesti li ngħixu ħajja iżjed minimalista? Lesti li nagħtu ħin mhux strutturat lit-tfal? Lesti li nagħmlu festini sempliċi lit-tfal? Lesti li jkun hemm inqas emfasi materjalistika fil-familja? Lesti li nħarsu lejn il-karriera b’mod differenti? Lesti li nibdew nieqfu nittrattaw il-kapriċċi żejda bħala bżonnijiet? Lesti li ngħinu lit-tfal jagħżlu x’jagħmlu wara l-ħin tal-iskola biex innaqqsu l-ġenn fuqna l-ġenituri? Hemm bżonn riforma radikali fis-sistema u hemm bżonn li anke aħna l-familji nagħmlu l-parti tagħna. Flimkien naslu! Flimkien nistgħu noħolqu bidla!”