Il-kantant Renato irritorna d-dar wara li qatta’ ftit jiem l-isptar. Il-kantant popolari Malti spiċċa l-isptar wara inċident li kellu fejn waqa’ u ġarrab ġrieħi ma’ wiċċu. Bl-istess daqqa huwa ntilef minn sensieh. B’xorti tajba u grazzi għall-qalb tajba ta’ xi nies li nzertaw għaddejin mill-istess triq, tawh l-ewwel għajnuna u sejħu għall-ambulanza.
Renato issa jinsab lura d-dar u qed jirkupra bil-mod il-mod. Huwa ħa din l-opportunità biex jirringrazzja lil dawk kollha li ħadu ħsiebu. Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook huwa qal li ”għall-grazzja tal-ħanin Alla, inħossni ħafna aħjar u bil-mod, qed nerġa’ lura għan-normal”.
Huwa temm jgħid, ”Bħal dejjem nitlob lil Ġesu’, Ġuzeppi u Marija biex dejjem jieħdu ħsieb u jipproteġu lill-Maltin u l-Għawdxin kollha. Inħobbkom.”