Ryan u Maria Għadhom Kif Iżżewġu!

Jekk inti midħla tad-drama lokali, żgur li wiċċ dawn it-tnejn huwa familjari għalik! Illum hija ġurnata speċjali għal Ryan Galea u Maria Farrugia! Dawn iż-żewġ atturi bravi, li ilhom flimkien għaxar snin, illum qalu iva lil xulxin!

L-ewwel darba li rajna lil Ryan fid-drama lokali kien fl-aħħar episodju tas-serje ‘Ġiżelle’ meta kien għamel il-parti ta’ Sergio żgħir. Rajnieh ukoll jagħmel il-parti tas-Simba fis-serje ‘Evanġelisti’, li wasslitu biex jirbaħ il-Best Upcoming Talent award.

Min-naħa l-oħra, Maria ħadet sehem ukoll f’diversi drama lokali, fosthom fis-serje ‘D.R.E.A.M.S’ fejn interpretat il-parti ta’ Petra. Dan l-aħħar, il-koppja ħadet sehem ukoll f’‘Vigilante.’ Barra fuq it-televixin, rajiehom ukoll jieħdu sehem f’diversi produzzjonijiet teatrali.

Barra li Ryan u Maria huma atturi, Ryan huwa wkoll artist u jgħallem l-arti wkoll. Apparti minn hekk, flimkien imexxu iċ-Childcare Centre ‘Little Me’. Fil-fatt ġenituri ta’ tfal li jattendu fiċ-Childcare Centre tagħhom kitbulhom messaġġ qabel il-ġurnata tat-tieġ tagħhom! Filwaqt li qalulhom li huma żewġ persuni ideali għal xulxin, qalulhom li huma ta’ influwenza pożittiva kemm fuq is-soċjetà, kif ukoll fuq it-tfal tagħhom.

Ryan u Maria jagħmlu parti mill-familja ta’ FreeSpirit Acting. Fil-fatt fost ħafna nies u atturi, Carlos Farrugia, Duncan Azzopardi u Rachel Micallef, tliet atturi u għalliema f’din l-iskola tad-drama awguraw lil din il-koppja f’din il-ġurnata speċjali. Carlos qalilhom li għadu jiftakar dik il-ġurnata li daħlu l-ewwel darba ‘FreeSpirit Acting’! Jiftakarhom għadhom isiru jafu lil xulxin! U issa, għaxar snin wara qalu iva lil xulxin!

Il-qassis li żewwiġhom kien jgħallem lil Ryan fl-iskola tal-Ħandaq. Meta Ryan kien Form 5, il-qassis kien staqsa lill-istudenti xi tfisser l-imħabba għalihom u Ryan kien kiteb, "L-imħabba hi r-regola tal-umanità." Il-qassis tant għoġbitu li fakkarha waqt l-omelija tal-quddies tat-tieġ. Din il-koppja għadha kif ingħaqdet fis-sagrament taż-żwieġ fil-Knisja ta' San Ġorġ f'Ħal Qormi.

F’isem Gwida.mt nixtiequ nawguraw lil Ryan u lil Maria f’din il-ġurnata tant speċjali! Nixtiqulhom ħajja feliċi, mimlija ferħ, hena, saħħa u dak kollu li jixtiequ fil-ħajja tagħhom! Awguri!

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI